gov.mt

PR261654

PR261654

07/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar sport u attività fiżika fl-iskejjel permezz ta’ SportMalta School Sports Day 2026

​

  • Skejjel madwar Malta u Għawdex mistiedna jipparteċipaw fl-inizjattiva fid-19 ta' Ottubru​​

Tnediet l-edizzjoni tal-2026 ta' SportMalta School Sports Day, inizjattiva li se terġa' tlaqqa' skejjel madwar Malta u Għawdex f'ġurnata ddedikata għall-isport u l-attività fiżika, bil-għan li aktar tfal ikunu attivi u jibdew jibnu drawwiet tajbin minn età żgħira.

It-tnedija saret fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta' SportMalta Mark Cutajar, fil-preżenza ta' rappreżentanti mill-iskejjel li ħadu sehem fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet. SportMalta School Sports Day se ssir fid-19 ta' Ottubru, bl-iskejjel mistiedna jorganizzaw attivitajiet sportivi u fiżiċi adattati għall-istudenti u għar-realtà tal-iskola tagħhom.  

“L-edukazzjoni ma sseħħx biss fil-klassi. Isseħħ ukoll meta t-tfal ikunu attivi, jilagħbu u jaħdmu flimkien bħala tim. Dawn huma esperjenzi li jgħinuhom jikbru u jibnu l-kunfidenza fihom infushom. Għalhekk irridu li l-attività fiżika tkun parti naturali mill-esperjenza edukattiva ta' kull tifel u tifla. Mhux kulħadd se jkun atleta jew se jħobb l-istess sport, iżda kulħadd għandu jingħata l-opportunità jsib attività li jieħu gost jagħmel. Jekk irridu soċjetà aktar attiva u b'saħħitha għada, irridu nibdew nibnu dawn id-drawwiet illum. Is-suċċess ta' din l-inizjattiva ma jitkejjilx biss minn dak li jiġri fid-19 ta' Ottubru, iżda minn kemm jirnexxilna ngħinu lit-tfal jiskopru l-valur li jkunu attivi u jieħdu dik id-drawwa magħhom lil hinn mill-bieb tal-iskola," qal il-Ministru Camilleri. 

Il-Ministru saħaq li l-għan tal-inizjattiva jrid imur lil hinn minn ġurnata waħda ta' sport. Flimkien ma' SportMalta, l-iskejjel u l-edukaturi, il-ħidma trid tkompli biex it-tfal jingħataw aktar opportunitajiet ikunu attivi matul is-sena kollha u biex l-isport isir parti mill-ħajja tagħhom minn età żgħira.

Il-Kap Eżekuttiv ta' SportMalta Mark Cutajar qal, “L-inizjattiva SportMalta School Sports Day tħeġġeġ aktar tfal u żgħażagħ biex jagħmlu attività fiżika waqt il-ħin tal-iskola. Hija inizjattiva simbolika li se ssir fid-19 ta' Ottubru, fejn diversi skejjel Maltin u Għawdxin se jieħdu sehem bil-għan li nkomplu nkattru l-isport u l-attività fiżika matul parti importanti mill-ġurnata tat-tfal, dik li jqattgħu fl-iskola."

Waqt it-tnedija ġew rikonoxxuti wkoll l-iskejjel li ħadu sehem fl-edizzjoni tal-2025. SportMalta ppreżentat tagħmir sportiv lill-iskejjel parteċipanti, biex dan ikompli jintuża ħalli l-istudenti jkollhom aktar opportunitajiet jipprattikaw attivitajiet u dixxiplini differenti.  

L-Iskola Santa Monica ta' Birkirkara ngħatat il-Most Outstanding SportMalta School Sports Day Trophy, b'rikonoxximent għall-attività kreattiva, varjata u inklussiva li organizzat matul l-edizzjoni tas-sena li għaddiet u għall-esperjenza pożittiva li ħolqot għall-istudenti permezz tal-isport u l-attività fiżika.  

Martina Fenech, għalliema fl-Iskola Santa Monica ta' Birkirkara, qalet, “Bħala rappreżentanta tal-Iskola Santa Monica ta' Birkirkara, ninsabu verament grati li ġejna ppreżentati b'dan it-trofew. Inħeġġu lil aktar skejjel jieħdu sehem fi SportMalta School Sports Day ta' din is-sena, biex flimkien inkomplu nkattru l-isport fil-ħajja tal-istudenti."

L-iskejjel kollha f'Malta u Għawdex qed jiġu mistiedna jieħdu sehem fl-edizzjoni ta' din is-sena u joħolqu ġurnata li tagħti lill-istudenti l-opportunità jiċċaqilqu aktar, jippruvaw attivitajiet differenti u, fuq kollox, jieħdu gost ikunu attivi. L-iskejjel parteċipanti se jingħataw tagħmir sportiv, filwaqt li l-iskola li turi l-aktar kreattività u impenn se tkun eliġibbli għat-trofew fl-edizzjoni li jmiss.

​